Download Kelma tal-Ħajja
“Hejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Lq 3, 4)*
Din hi “kelma” oħra li aħna mistednin ngħixuha f’dan iż-żmien tal-Avvent. San Luqa l-Evanġelista jeħodha minn Isaija, il-profeta tal-faraġ. Għall-insara tal-ewwel żminijiet, din il-kelma kienet titkellem fuq San Ġwann il-Battista, li għex qabel Ġesù.
F’dan iż-żmien ta’ qabel il-Milied, il-Knisja tippreżentalna ’l dan il-qaddis prekursur ta’ Ġesù, tistedinna nifirħu, għax San Ġwann huwa bħal messaġġier li jħabbar il-wasla tar-Re. Infatti, minn hawn u ftit ieħor se jiġi fostna. Alla wasal biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu li jaħfer id-dnubiet u jagħti s-salvazzjoni.
“Hejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Imma, jekk dan hu kliem ta’ ferħ, huwa wkoll stedina biex indawru t-tmun ta’ ħajjitna, biex nibdlu mill-qiegħ ħajjitna.
San Ġwann qed jistedinna nhejju t-triq tal-Mulej. Imma din xi triq hi?
Qabel ma ħareġ għall-ħajja pubblika tiegħu biex jibda jippriedka, Ġesù, li San Ġwann kien ħabbar il-miġja tiegħu, għadda xi żmien fid-deżert. Din kienet triqtu. Fid-deżert, li fih sab intimità profonda ma’ Missieru, iltaqa’ wkoll mat-tentazzjonijiet. B’hekk sar jixbah lilna l-bnedmin. U minn dawn it-tentazzjonijiet, hu ħareġ rebbieħ. Din hija l-istess triq li wara nsibuha fil-mewt u l-qawmien tiegħu. Wara li mexa t-triq kollha tiegħu, hu nnifsu sar ‘triq’ għalina li għadna fil-mixja tagħna.
Hu stess huwa t-triq li minnha rridu ngħaddu biex is-sejħa tagħna bħala bnedmin titwettaq sal-aħħar. Din is-sejħa hi li nidħlu f’komunjoni, f’rabta sħiħa m’Alla.
Kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ biex ihejji t-triq għal Ġesù, li jrid jidħol f’ħajjitna. Għalhekk jeħtieġ li niddrittaw il-mogħdijiet ta’ ħajjitna, biex Hu jkun jista’ jiġi ġewwa fina.
Jeħtieġ li nhejjulu t-triq billi nneħħu dak kollu li jfixkilna: dak it-tfixkil li jiġi mill-mod limitat kif aħna nħarsu lejn il-ħajja, u mir-rieda fjakka tagħna.
Jeħtieġ li jkollna l-ħila nagħżlu bejn it-triq tagħna u dik tiegħu, bejn ir-rieda tagħna u dik tiegħu, bejn programm li għamilna aħna u dak maħsub mill-imħabba tiegħu li tista’ kollox.
U meta nkunu ħadna din id-deċiżjoni, irridu naħdmu biex ir-rieda miskina tagħna, li trid tagħmel ta’ rasha, tkun taqbel ma’ tiegħu.
Kif? L-insara li rnexxew jgħallmuna mod tajjeb, prattiku u intelliġenti: issa, dan il-ħin. F’kull ħin irridu nneħħu ġebla wara l-oħra biex mhux ir-rieda tagħna tgħix fina, imma tiegħu.
B’hekk inkunu għexna l-Kelma:
“Hejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Chiara Lubich
* Kelma tal-Ħajja, 1997 ippubblikata fuq Città Nuova, 1997/22, pġ.32-33.