Movimento dei Focolari

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Novembru[:]

[:ot]Download “Kelma tal-Ħajja” (Word of Life in Maltese)


Ġesù kien għadu kif ħareġ mit-tempju. Id-dixxipli, kollhom kburin, urewh id-daqs u s-sbuħija tal-bini. U Ġesù qal: “Qegħdin tarawh dan kollu? Tassew, ngħidilkom, hawnhekk ma tibqax ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx!”2. Imbagħad tela’ fuq l-għolja taż-Żebbuġ, qagħad bilqiegħda u, huwa u jħares lejn Ġerusalemm, beda jitkellem fuq il-qirda tal-belt, u fuq tmiem id-dinja. “X’se jiġri fi tmiem id-dinja?”, staqsewh id-dixxipli, “u meta se jseħħ?” Din hi mistoqsija li kienu jagħmlu anki l-ġenerazzjonijiet insara li ġew wara. Hi mistoqsija li jagħmilha wkoll kulħadd. Infatti l-ġejjieni hu misterjuż u ħafna drabi jbeżżagħna. Illum issib ukoll ’il min imurlek għand xi saħħar, u ’l min ifittex fl-oroskopju biex ikun jaf il-ġejjieni, x’se jiġri… It-tweġiba ta’ Ġesù hi ċara għall-aħħar: tmiem id-dinja għad iseħħ mal-miġja Tiegħu. Hu, is-sinjur tal-istorja, għad jerġa’ jiġi. Għalina hu Dak li jdawwal il-ġejjieni tagħna. Meta se sseħħ din il-laqgħa? Ħadd ma jaf. Tista’ sseħħ kull ħin. Infatti ħajjitna tinsab f’idejh. Hu tahielna, u Hu jista’ jeħodha lura anki ħin bla waqt, bla ebda avviż ta’ xejn. Madankollu jwissina: jekk intom tishru, tkunu qegħdin tħejju ruħkom għal din il-ġrajja. “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Qabel xejn, b’dan il-kliem Ġesù qed jgħidilna li Hu għad jerġa’ jiġi. Ħajjitna fuq din l-art għad tintemm u mbagħad tibda ħajja ġdida, li ma tintemm qatt. Illum il-ġurnata ħadd ma jrid jitkellem fuq il-mewt… Kultant nagħmlu minn kollox biex ninsewha u nintefgħu nagħmlu x-xogħol tagħna ta’ kuljum, sa ma ninsew ’il Dak li tana l-ħajja u li għad jitlobhielna lura biex idaħħalna fil-milja tagħha, f’rabta sħiħa ma’ Missieru, fil-Ġenna. Aħna lesti li niltaqgħu miegħu? Il-musbieħ tagħna se jkun mixgħul, bħal dawk ix-xebbiet għaqlin li kienu jistennew il-wasla tal-għarus? Fi kliem ieħor, inkunu qed inħobbu? Jew inkella l-musbieħ tagħna jkun mitfi, ħtija tal-ħafna affarijiet li rridu nagħmlu, tal-ferħ ta’ ftit ħin, tal-ġid ta’ din id-dinja, li nessewna l-unika ħaġa li hi tassew meħtieġa: l-imħabba? “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Kif għandna nishru? L-ewwelnett, u dan diġà nafuh, jishar tajjeb min iħobb. Bħal dik il-mara li tistenna ’l żewġha li jdum ma jasal mix-xogħol jew li jkun ġej lura minn vjaġġ twil. Kif tagħmel dik l-omm li tinkwieta fuq binha li għadu ma daħalx lura d-dar. Kif tagħmel dik it-tfajla li għandha seba’ mitt sena sa ma tiltaqa’ mal-maħbub tagħha… Min iħobb jaf jistenna, anki jekk l-ieħor idum ma jasal. Nistennew ’il Ġesù jekk aħna nħobbuh u nkunu nixtiequ ħafna niltaqgħu miegħu. Nistennewh billi nħobbu b’mod konkret, per eżempju billi naqduh f’dawk in-nies li jgħixu qrib tagħna, jew billi nimpenjaw ruħna biex nibnu soċjetà aktar ġusta. Dak li qed jistedinna ngħixu hekk hu Ġesù nnifsu li jirrakkonta l-parabbola tal-qaddej il-fidil li, hu u jistenna li jasal sidu, jieħu ħsieb il-qaddejja l-oħra u l-ħtiġijiet tad-dar. Jew inkella kif insibu fil-parabbola tal-qaddejja li, huma u jistennew ’il sidhom jasal lura, jagħmlu ħilithom biex jużaw tajjeb it-talenti li ngħatawlhom. “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Propju għaliex la nafu l-jum u lanqas is-siegħa tal-wasla tiegħu, nistgħu għalhekk nikkonċentraw aktar fuq il-jum li jingħatalna, fuq dak li nagħmlu llum, fuq il-mument preżenti li l-Providenza t’Alla qed toffrilna ngħixu. Xi żmien ilu jiena dort lejn Alla u, ħin bla waqt, tlabtU hekk.

“Ġesù,

agħmel li kliemi ngħidu

bħallikieku kien l-aħħar kliem tiegħi

fuq din l-art.

Agħmel li dak li nwettaq

ikun bħallikieku

kien l-aħħar ħaġa

li nagħmel.

Agħmel li t-tbatija tiegħi nġarrabha

bħallikieku kienet l-aħħar tbatija

li għandi x’noffrilek.

Agħmel li nitlob dejjem

bħallikieku kien l-aħħar ċans

tiegħi li nitkellem

miegħeK f’din id-dinja”.

Chiara Lubich

  1 Parola di vita, novembre 2002, pubblicata in Città Nuova, 2002/20, p.7. 2 Mt 24,2.[:]

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Ottubru 2011[:]

[:ot]Download Kelma tal-Ħajja (Word of Life in Maltese)


Huwa u ħiereġ minn Kafarnahum, Ġesù ra wieħed jiġbor it-taxxi, jismu Mattew, bilqiegħda quddiem il-mejda. Minħabba fix-xogħol tiegħu, in-nies kienet tobgħodu u kienet tgħoddu ma’ dawk li jsellfu l-flus u jisolħu n-nies, biex jistagħnew minn fuq dahar ħaddieħor. Għall-kittieba u l-fariżej, dawn kienu midinba pubbliċi, tant li kienu jeħduha kontra Ġesù għax kien “ħabib tal-publikani u l-midinbin” u kien jiekol magħhom.2 Ġesù, kontra kull drawwa soċjali tagħhom, sejjaħ lil Mattew biex jimxi warajh u aċċetta li jmur jiekol id-dar tiegħu, kif, aktar ’il quddiem, kien aċċetta wkoll li jmur għand Żakkew, il-kap ta’ dawk li kienu jiġbru t-taxxi ta’ Ġeriko. Meta staqsewh għaliex kien jagħmel hekk, Ġesù wieġeb li hu ġie biex ifejjaq il-morda u mhux għal min hu b’saħħtu; ġie biex isejjaħ lin-nies midinba u mhux lit-tajbin. Għal darb’oħra, din l-istedina għamilha lil wieħed minnhom:[:] (altro…)

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Settembru 2011[:]

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Settembru 2011[:]

[:ot] 


Download Kelma tal-Ħajja – Settembru 2011


“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.” (Lq 15, 32)1 Dan il-kliem insibuh fi tmiem il-parabbola magħrufa bħala tal-iben il-ħali, li żgur tafuha. Hu kliem li jrid jurina l-kobor tal-ħniena t’Alla. B’din il-Kelma jintemm kapitlu mill-Vanġelu ta’ San Luqa li fih Ġesù jirrakkonta żewġ parabboli oħra fuq l-istess suġġett. Tiftakarha l-istorja tan-nagħġa l-mitlufa li minħabba fiha r-ragħaj iħalli d-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert?2 U tiftakarha l-ġrajja tad-drakma l-mitlufa, u l-ferħ li ħasset dik il-mara meta sabitha, hekk li sejħet lil ħbiebha u l-ġirien tagħha biex jifirħu magħha?3 “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.” B’dan il-kliem Alla qed jistieden lilek u ’l-insara kollha biex tifirħu, biex tagħmlu festa u tieħdu sehem fil-ferħ tiegħu talli dak ir-raġel midneb, li kien mitluf u issa nstab, ġie lura. Fil-parabbola dan il-kliem qed jgħidu l-missier lil ibnu l-kbir li dejjem għex miegħu, imma li wara ġurnata xogħol iebes ma riedx jidħol lura d-dar fejn kienu qed jiċċelebraw il-wasla ta’ ħuh. Il-missier mar jilqa’ lil ibnu l-kbir, kif mar jilqa’ wkoll lil ibnu l-mitluf, u għamel ħiltu biex jikkonvinċih jidħol. Imma jidhru ċari d-differenzi li kien hemm bejn il-missier u ibnu l-kbir: il-missier, li kien iħobb bla ma joqgħod ikejjel xejn u kellu ferħ kbir f’qalbu, li xtaq jaqsmu ma’ kulħadd; l-iben li kien mimli disprezz u għira lejn dak li darba kien ħuh. Infatti hu jgħid lil missieru: “Dan ibnek li belagħlek ġidek…”4. Bl-imħabba u l-ferħ tal-missier mal-wasla lura ta’ ibnu joħroġ ċar kemm ibnu l-kbir kien iżomm f’qalbu. Nistgħu ngħidu li ma’ missieru stess kellu rabta kiesħa u falza. L-aktar ħaġa importanti għal dan l-iben kien ix-xogħol, id-dmir, imma ma kellux imħabba ta’ iben lejn missieru. Aktar jagħtik li tgħid li hu kien jobdi ’l missieru daqs li kieku kien sidu. “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.” B’dan il-kliem Ġesù qed jgħidilna biex noqogħdu attenti li ma mmorrux naqgħu fil-periklu li ngħixu biex inkunu nies tal-affari tagħna, moħħna biex inkunu perfetti, u lill-oħrajn inqisuhom inqas tajbin minna. Infatti jekk inti marbut mal-perfezzjoni, int qed tibni lilek innifsek, qed timtela bik innifsek, tammira lilek innifsek. Qed tagħmel bħall-iben li baqa’ d-dar, li jsemmi l-kwalitajiet tajba tiegħu lil missieru: “Ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt5”. Hawnhekk Ġesù qed jeħodha kontra min ir-rabta tiegħu m’Alla sserraħ biss fuq il-ħarsien tal-kmandamenti. Imma dan mhux biżżejjed. Dwar dan anki t-tradizzjoni Lhudija hija ċara ħafna. F’din il-parabbola Ġesù qed juri s-sbuħija tal-imħabba t’Alla billi jurina kif Alla, li hu Mħabba, jagħmel l-ewwel pass lejn il-bniedem bla ma joqgħod iqis jekk jistħoqqlux jew le. Imma hu jrid li l-bniedem jinfetaħ quddiemu biex jagħti bidu għal komunjoni vera ta’ ħajja. Naturalment, kif tista’ tifhem, l-akbar ostaklu għal Alla-Mħabba hi eżattament il-ħajja ta’ min jaħżen azzjonijiet, opri, filwaqt li Alla jixtieq jara l-qalb tagħna. “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.” B’dan il-kliem Ġesù qed jistieden lilek biex quddiem il-midinbin, inti jkollok l-istess imħabba li għandu l-Missier lejn kull bniedem, imħabba li ma tkejjilx. Ġesù qed isejjaħlek biex ma tiġġudikax bil-kejl tiegħek l-imħabba li l-Missier għandu għal kull persuna. Bl-istedina lil ibnu l-kbir biex jaqsam miegħu l-ferħ għal dak ibnu li reġa’ nstab, il-Missier qed jitlob lilek ukoll biex tbiddel il-mod kif taħsibha: jiġifieri int trid tilqa’ bħala ħutek anki lil min m’għandek xejn lejh ħlief disprezz u superjorità. Dan għandu jġib fik konverżjoni vera, għax inti tissaffa mill-konvinzjoni li inti aktar bravu, ma tibqax tkun intolleranti lejn nies ta’ twemmin ieħor, u b’hekk tkun tista’ tilqa’ s-salvazzjoni, li ġabilna Ġesù, bħala rigal mogħti lilna biss għax Alla jħobbna. Chiara Lubich ——————————————- 1 Parola di vita, Marzu 2001, ippubblikata fuq Città Nuova 2001/4, p.7. 2  ara Lq 15, 4-7. 3  ara Lq 15,8-10. 4  Lq 15, 30. 5  Lq 15,29.[:]

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Awwissu 2011[:]

[:ot]Download Kelma Tal-Ħajja Awwissu 2011


Dan il-kliem insibuh fis-Salm 40 u l-awtur tal-ittra lil-Lhud qed jużah bħala kliem li l-Iben t’Alla jgħid lill-Missier. B’hekk l-awtur jisħaq fuq l-imħabba li biha l-Iben t’Alla sar bniedem biex isseħħ il-ħidma s-salvazzjoni u b’hekk jobdi r-rieda tal-Missier. Dan il-kliem l-awtur qed jużah f’silta li biha jrid juri l-kobor bla tarf tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù meta mqabbel mas-sagrifiċċji li kienu jsiru fil-Liġi l-qadima. F’dawn is-sagrifiċċji lil Alla kienu joffrulu annimali jew affarijiet. Mhux hekk is-sagrifiċċju ta’ Ġesù. Hu kellu mħabba bla tarf li kienet qed timbuttah biex fil-ħajja tiegħu fuq din l-art joffri lill-Missier ir-rieda tiegħu, lilu nnifsu kollu kemm hu. “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” B’dan il-kliem quddiem għajnejna jirnexxilna nifhmu aħjar il-ħajja ta’ Ġesù u jgħinna wkoll biex minn ħajtu nisiltu l-aktar ħaġa profonda u prezzjuża li tgħaqqad flimkien il-ġrajjiet tiegħu fuq din l-art: tfulitu, il-ħajja moħbija tiegħu, it-tentazzjonijiet, l-għażliet, il-ħidma tiegħu fost in-nies, sa ma miet fuq is-salib. F’kull mument, f’kull sitwazzjoni, Ġesù jfittex ħaġa waħda biss: li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru; u din għamilha b’mod sħiħ, ma għamel xejn ħliefha u ma laqgħax suġġerimenti li ma kinux jaqblu għal kollox ma’ din ir-rieda. “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” Din il-Kelma tgħinna nifhmu l-lezzjoni l-kbira li Ġesù kellu quddiemu f’ħajtu: l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja hi li nwettqu r-rieda tal-Missier, mhux dik tagħna. Nagħrfu ngħidu le lilna nfusna biex ngħidu iva Lilu. L-imħabba vera għal Alla ma tikkonsistix fi kliem sabiħ, fi ħsibijiet u sentimenti, imma f’li nobdu l-kmandamenti tiegħu. Is-sagrifiċċju ta’ tifħir li Hu jistenna minn għandna, hija l-offerta kollha mħabba li nagħmlu Lilu ta’ dak kollu li għandna ġewwa fina, ta’ kulma hu tagħna, jiġifieri r-rieda tagħna. “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” Kif se ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Anki din hi Kelma li turi b’mod ċar ħafna l-aspett tal-Vanġelu li jgħidilna biex neħduha kontra l-kurrent għaliex hi teħodha kontra t-tendenza li nsibu ġewwa fina: li nfittxu li nagħmlu r-rieda tagħna, li nimxu wara l-ġibdiet u s-sentimenti tagħna. Din il-Kelma hi waħda mill-aktar kelmiet antipatki għall-bniedem tallum. Illum il-ġurnata qed ngħixu fi żmien li fih il-bniedem hu ffissat fih innifsu, ma jridx jiddependi fuq ħaddieħor, irid jikseb il-libertà biex jilħaq l-iskop ta’ ħajtu, irid jissodisfa ruħu biex jgħid li hu bniedem li rnexxa, iqis il-pjaċir bħala dik il-ħaġa li fuqha jiddependu l-għażliet tiegħu u s-sigriet biex ikun ferħan. Imma aħna nafu wkoll il-konsegwenzi koroh li dan iġib miegħu. Issa, Ġesù jeħodha kontra dik it-tip ta’ ħajja li fiha wieħed ifittex li jagħmel ir-rieda tiegħu. Il-ħajja li jippreżentalna Ġesù tfittex li twettaq ir-rieda t’Alla, bl-effetti mill-isbaħ li Hu jwiegħed. Għalhekk, matul dan ix-xahar għandna nfittxu li aħna wkoll nagħżlu r-rieda tal-Missier u, kif għamel Ġesù, inżommuha bħala r-regola u r-raġuni tal-ħajja kollha tagħna. B’hekk ħajjitna tgħaddi minn avventura divina li għaliha għad nibqgħu dejjem grati lejn Alla. Permezz ta’ din il-ħajja għad nitqaddsu u ndawlu lil ħafna bl-imħabba t’Alla. 1 Parola di vita, Diċembru 1991, ippubblikata fuq Città Nuova, 1991/22, p.34-35.[:]

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Lulju 2011[:]

[:ot]Download – Kelma tal-Ħajja – Lulju


Dan il-kliem Ġesù qalu lil Pietru, ’il Ġakbu u ’l Ġwanni fl-agunija tiegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani, meta mar ħdejhom u sabhom reqdin. Hu kien ħa miegħu lil dawn it-tliet appostli, l-istess tlieta li kienu preżenti fuq il-muntanja Tabor meta nbidel quddiemhom. Ġesù riedhom ikunu qribu f’dak il-mument diffiċli. Ried ukoll li jħejju ruħhom flimkien miegħu bit-talb għax kellhom jgħaddu minn żmien diffiċli huma wkoll. “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”. Jekk naqraw dan il-kliem fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom qalu Ġesù, qabel ma nqisuh bħala twissija li qed jagħti lid-dixxipli, jeħtieġ li naraw dak li Ġesù kien qed għaddej minnu Hu. Jiġifieri naraw kif Hu kien qed iħejji ruħu għall-prova. Ġesù ra l-passjoni riesqa lejH u għalhekk talab bil-ħeġġa kollha, ħadha kontra l-biża’ tal-mewt, intefa’ fi ħdan il-Missier li hu Mħabba biex jibqa’ fidil għar-rieda tiegħu sal-aħħar. Ried ukoll jgħin lill-appostli biex huma jagħmlu bħalu. Hawnhekk naraw f’Ġesù l-mudell għal dawk li jkollhom jgħaddu mill-prova u fl-istess ħin narawh bħala ħuna li jkun maġenbna f’dak il-mument diffiċli. “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”. Kien hemm drabi oħra meta Ġesù  wissiena biex nishru. Bil-kelma “ishru” Ġesù jifhem li m’għandniex inħallu n-nagħas spiritwali jirbħilna, li għandna nkunu dejjem lesti li nilqgħu r-rieda t’Alla, li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum għandna nindunaw xinhi r-rieda tiegħu mis-sinjali li jibgħatilna. Fuq kollox irridu nagħrfu d-diffikultajiet u t-tbatijiet u narawhom fid-dawl tal-imħabba t’Alla. Aħna ma nistgħux nishru jekk ma nitolbux għax mingħajr it-talb ma nkunux nistgħu nirbħu l-prova. Id-dgħufija tal-ġisem u l-fatt li l-bniedem jaqa’ malajr, negħlbuhom bil-forza li jagħtina l-Ispirtu s-Santu. “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”. Mela kif għandna ngħixu din il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Aħna wkoll ikollna naċċettaw li f’ħajjitna jaslu ħafna provi: provi żgħar jew kbar li nħabbtu wiċċna magħhom kuljum. Jaslu provi normali; provi li bilfors irridu ngħaddu minnhom jekk aħna nsara. Issa, Ġesù jwissina li l-ewwel kundizzjoni biex negħlbu kull prova li tasal fuqna hi li nishru. Jeħtieġ nagħrfu li dawn il-provi jippermettihom Alla, mhux biex aħna naqtgħu qalbna imma biex meta negħlbuhom, aħna nimmaturaw fil-ħajja spiritwali tagħna. Fl-istess ħin jeħtieġ nitolbu. It-talb hu meħtieġ għax aħna esposti għal żewġ tipi ta’ tentazzjonijiet: minn banda nkunu prużuntużi u naħsbu li kapaċi nirbħu waħedna; mill-banda l-oħra nibżgħu li mhux se jirnexxilna; inħossu li l-prova hi aktar b’saħħitha mill-ħila tagħna. Iżda Ġesù jiżgurana li l-Missier mhux se jonqos milli jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jekk aħna nishru u nitolbuH bil-fidi. Chiara Lubich


1 Parola di vita, April 1990, ippubblikata fuq ir-rivista Città Nuova, 1990/6, p. 9  

[:]