Kelma tal-Ħajja – Ottubru 2011
“Ejja warajja” (Mt 9,9)
[全部資料]“..sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” Hekk naqraw fl-Atti tal-Appostli, li jsemmi n-nawfraġju fuq il-gżira. Din iż-żerriegħa ta’ kultura nisranijai għadha tagħti l-frott. Il-vjaġġ it-tajjeb … lejn Malta! Ir-Repubblika ta’ Malta hija magħmula minn tliet gżejjer ewlenin: Malta, Għawdex u Kemmuna. Il-pożizzjoni strateġika tagħha fil-Mediterrann bejn l-Ewropa u l-Afrika għamlitha fortizza perfetta għal ħafna: Feniċi, Rumani, Għarab, Aragoniżi, il-Kavallieri ta’ San Ġwann, Franċiżi u Ingliżi … L-ewwel sinjali tal-għixien tal-bniedem fil-gżira jmorru lura għal madwar 5,200 sena q.K. Malta għandha firxa ta’ 316 km2, u hi wieħed fost l-iżgħar pajjiżi u popolati fid-dinja. Il-popolazjoni tilħaq madwar 400,000 ruħ. Is-settur turistiku huwa element fundamentali tal-ekonomija Maltija. Malta kienet waħda mill-ewwel kolonji Rumani li ħaddnet ir-reliġjon nisranija li wassalha San Pawl madwar is-sena 60 w.K. kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. Il-parti l-kbira tal Maltin huma kattoliċi u nsibu ’l fuq minn 360 knisja bejn Malta, Għawdex u Kemmuna. Insibu wkoll nies ta’ denominazzjonijiet nsara oħra fosthom Anglikani, Griegi Ortodossi, mill-Knisja ta’ Skozja, Metodisti, u tà twemmin reliġjuż ieħor Lhud u Musulmani. Mill-2004 Malta tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea.
L-ewwel żerriegħa tal-ispiritwalità tal-unità kienet diġà nżergħet fis-snin sittin. Fl-1975 kien hemm madwar 70 ruħ li kienu jgħixuha, bdiet tinbena l-ewwel komunità, nibtu l-ewwel vokazzjonijiet għall-fokolare u bdew jikbru x-xewqat li jinfetaħ Fokolare fil-gżira kif ukoll li ssir Mariapoli f’Malta. Sakemm fl-1979 saret l-ewwel Mariapoli li fiha ħadu sehem 1000 ruħ. Fil-bidu tas-snin ’80 twaqqfu żewġ ċentri tal-Fokolare. Il-ħajja kompliet tikber u trabbi l-għeruq: fl-1999 seħħet ġrajja importanti ħafna ta’ din il-mixja. Chiara Lubich ġiet f’din il-gżira biex tirċievi l-lawrea Honoris Causa fil-“Letteratura (Psikoloġija)”, mill-Università ta’ Malta. Din ingħatatilha b’ħajr għall-kariżma tagħha li “tħaddan dehra sħiħa tal-persuna umana fil-qasam tal-psikoloġija”. Imbagħad fuq sfond internazzjonali twieldet bħala prospettiva ta’ riflessjoni “Psikoloġija u komunjoni”, li hi xibka ta’ professjonisti li fiha huma jinżlu aktar fil-fond ta’ dan it-tip ta’ approach psikoloġiku.
Wara għaxar snin mill-għotja ta’ din il-lawrea lil Chiara, f’Malta nżamm seminar speċjalistiku fuq it-tifsira psikoloġika tal-mudell relazzjonali li joħroġ mill-ispiritwalità tal-unità. U llum ukoll il-komunità fokolarina Maltija tinsab miexja ’l quddiem, u n-nies li b’xi mod jew ieħor iħaddnu din l-ispiritwalità jlaħħqu l-eluf. Insibu rabtiet mill-aktar ħajja li nbnew fi ħdan il-Knisja lokali u ma’ Movimenti u komunitajiet ekkleżjali oħra. Frott konkret ta’ dan hu x-xogħol li jinsab għaddej bħalissa fil-mixja lejn ‘Flimkien għall-Ewropa 2012’. Fi ħdan il-Kunsill Ekumeniku Malti u il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana ssir ħidma mill-qrib ma’ nies ta’ denominazzjonijiet insara oħra. Isiru wkoll kuntatti spissi ta’ ħbiberija mal-komunità Musulmana partikolarment fi ġrajjiet li fihom saret ħidma flimkien maż-żgħażagħ.
Wieħed mill-iżviluppi ta’ dan l-aħħar sar fil-qasam kulturali, partikolarment f’dak tas-saħħa, tat-tagħlim u f’dak sportiv, kif ukoll f’dak politiku-ġuridiku: membri tal-Fokolari li huma ġejjin miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, qed ifittxu li jagħtu x-xhieda tagħhom bħala aħwa.
L-iskola tal-lingwa Ingliża “The Voice”, li twaqqfet fl-1992, hi wkoll apprezzata mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għall-klima sabiħa fejn kulħadd iħossu milqugħ u għall-professjonalità tat-tagħlim. Din hija waħda mill-inizzjattivi Maltin fi ħdan l-Ekonomija ta’ Komunjoni.
Anki San Pawl ħassu milqugħ ħafna, meta wasal hawnhekk ħtija tan-nawfraġju (Atti 27, 26). Hu dam fil-gżira għal tliet xhur u, kif fakkar Benedittu XVI fil-vjaġġ tas-sena 2010, warajh ħalla “sinjal li ma jitħassarx fl-istorja ta’ Pajjiżkom”. F’dik l-okkażjoni kien fakkar għal darb’oħra li grazzi għall-miġja ta’ Pawlu fost il-Maltin, il-Vanġelu ta’ Ġesù rabba l-għeruq tiegħu bi sħiħ u wassal għal “ħafna frott mhux biss fil-ħajja tal-individwi, tal-familji u tal-komunitajiet, imma wkoll fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Malta, kif ukoll fil-kultura mimlija ħajja tagħha”.
“Ejja warajja” (Mt 9,9)
[全部資料]“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15, 32)
[全部資料]“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 9)(1)
[全部資料]